Bi pjaċir inħabbru t-tielet edizzjoni tal-Malta Animal Honours Awards organizzat mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, is-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali.
Din hija opportunità sabiex mhux biss niċċelebraw lill-kreaturi ħbieb tagħna u nagħtuhom l-opportunità li jibbrillaw, iżda wkoll biex nirrikonoxxu l-persuni nvoluti fl-aspetti kollha tal-ħolqien ta' għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali, kif ukoll dawk li jgħixuha u jipprattikawha ta’ kuljum.
Il-pubbliku huwa mistieden jibgħat l-istejjer tiegħu jispjega għaliex l-annimali u l-persuni li qed jiġu nnominati għandhom jirbħu l-kategorija li huma nominati għaliha. In-nomini ser jintlaqgħu sa nhar l-erbgħa 19 ta’ Lulju 2023. Bord magħżul mill-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali se jirrevedi n-nomini u jagħzel l-aħjar tliet kandidati nominati minn kull kategorija. Dawn imbagħad jerġgħu jitħabbru għall-vot tal-pubbliku u dawk l-aktar nominati jkunu rebbieħa tal-kategorija rispettiva tagħhom.
Annimali magħżula flimkien mal-carers umani tagħhom, kif ukoll il-persuni nominati għall-kategoriji umani se jkunu mistiedna jattendu ċ-ċerimonja tal-premjazzjoni nhar l-Erbgħa 4 ta’ Ottubru 2023, propju fil-Jum Dinji tal-Annimali.